Previous slide
Next slide

Ir-raħal ta’ Kerċem, fil-Lbiċ tar-Rabat Għawdex, jinsab bejn il-wied pittoresk tal-Lunzjata u l-għoljiet Tal-Mixta, Ta’ Għar Ilma u Ta’ Dbieġi. Il-konfini ta’ Kerċem jaslu sal-Għadira ta’ San Raflu, l-irdumijiet tax-Xlendi u Triq Ta’ Pinu, filwaqt li Kerċem imiss ma’ sitt lokalitajiet oħra f’Għawdex. 

It-tifsira tal-kelma “Kerċem” mhix magħrufa. Ħafna kienu dawk li fil-passat ippruvaw isibu t-tifsira tagħha, imma ħadd ma jidher li rnexxielu jagħti tweġiba sodisfaċenti. L-ewwel darba li ssemma “Kerċem” kien fis-sena 1587, u fost l-istoriċi li taw interpretazzjoni lil din il-kelma kien hemm il-Kanonku Ġann Piet Franġisk Agius de Soldanis, Dunstan G. Bellanti, u aktar riċenti Mons. Dr Joseph Bezzina, li jgħid li jaqbel ma’ De Soldanis, li l-kelma “Kerċem” ġejja minn xi laqam ta’ familja li setgħet, żmien twil ilu, kienet tgħix f’dawn l-inħawi. 

Il-motto tar-raħal, “Flectar non Frangar” – “Mgħawweġ imma mhux Imkisser”, huwa forsi ispirat mis-siġra tal-ballut (“Quercus” bil-Latin) u li minnha xi wħud jgħidu li toriġina l-kelma “Kerċem”. Dan jirrifletti l-karattru sod ta’ nies minn Kerċem. 

 
 

Xi żmien wara li twaqqfet bħala parroċċa fl-10 ta’ Marzu 1885, kmieni fl-1893, infetħet l-ewwel skola fir-raħal mis-Sorijiet Franġiskani tal-Qalb ta’ Ġesù, iżda, għal xi raġuni jew oħra, kellha tagħlaq wara ftit taż-żmien. Fl-1921, infetħet l-ewwel skola statali f’dar fi Triq San Girgor. Ftit ta’ żmien wara, fil-11 ta’ Novembru 1923, din l-iskola ġiet trasferita fi Triq Sarġ fejn inbniet skola kbira u moderna li għal ħafna snin laqgħet ħafna studenti minn diversi rħula minn Għawdex, u li għadha tintuża sal-lum. 

Mill-1957 twaqqfet skola privata f’Kerċem – l-Iskola Santa Tereża – li hija mmexxija mis-Sorijiet Karmelitani ta’ Santa Tereżina. F’Kerċem fetħu wkoll l-ewwel kunvent tagħhom fil-Gżejjer Maltin. L-iskola tinsab fi Triq l-Avukat Anton Calleja. Skola oħra f’Kerċem hija l-“B.E.L.S.”. Din l-iskola tgħallem il-lingwa Ingliża u fetħet il-bibien tagħha fl-1997 fi Triq ta’ Doti u hija amministrata privatament. Għaliha jattendu mijiet ta’ studenti barranin kull sena għat-tagħlim u l-prattika tal-lingwa Ingliża.