Ġeografija u Storja
Ir-raħal ta’ Kerċem, fil-Lbiċ tar-Rabat Għawdex, jinsab bejn il-wied pittoresk tal-Lunzjata u l-għoljiet Tal-Mixta, Ta’ Għar Ilma u Ta’ Dbieġi. Il-konfini ta’ Kerċem jaslu sal-Għadira ta’ San Raflu, l-irdumijiet tax-Xlendi u Triq Ta’ Pinu, filwaqt li Kerċem imiss ma’ sitt lokalitajiet oħra f’Għawdex.
 

It-tifsira tal-kelma “Kerċem” mhix magħrufa. Ħafna kienu dawk li fil-passat ippruvaw isibu t-tifsira tagħha, imma ħadd ma jidher li rnexxielu jagħti tweġiba sodisfaċenti. L-ewwel darba li ssemma “Kerċem” kien fis-sena 1587, u fost l-istoriċi li taw interpretazzjoni lil din il-kelma kien hemm il-Kanonku Ġann Piet Franġisk Agius de Soldanis, Dunstan G. Bellanti, u aktar riċenti Mons. Dr Joseph Bezzina, li jgħid li jaqbel ma’ De Soldanis, li l-kelma “Kerċem” ġejja minn xi laqam ta’ familja li setgħet, żmien twil ilu, kienet tgħix f’dawn l-inħawi.

Il-motto tar-raħal, “Flectar non Frangar” – “Mgħawweġ imma mhux Imkisser”, huwa forsi ispirat mis-siġra tal-ballut (“Quercus” bil-Latin) u li minnha xi wħud jgħidu li toriġina l-kelma “Kerċem”. Dan jirrifletti l-karattru sod ta’ nies minn Kerċem.

 

L-inħawi ta’ Kerċem ilhom abitati mill-bniedem mill-eqdem żminijiet. L-evidenza tinsab fil-fdalijiet tal-fażi ta’ Għar Dalam (5000-4500 Q.K.) misjuba f’Tal-Mixta. Fdalijiet oħra minn dar tal-perjodu Feniċju nstabu fl-1906 waqt li qatgħu ġebel għat-tkabbir tal-knisja parrokkjali filwaqt li nstabu fdalijiet oħra li kienu jappartjenu għal Santwarju Puniku (300Q.K.) f’Ras il-Wardija, mill-Missjoni Arkeoloġika Taljana fl-1964-65. (Ras il-Wardija llum jifforma parti mir-raħal ta’ San Lawrenz, iżda l-inħawi kienu jiffurmaw parti mir-raħal ta’ Kerċem, li l-konfini tiegħu kienu jilħqu sal-bajja tad-Dwejra flimkien mat-Torri u l-Ġebla tal-Ġeneral).

Indikazzjoni oħra ta’ abitazzjoni bikrija huma l-Banjijiet Rumani li jinsabu fl-inħawi ta’ Għar Għerduf li llum huma mimlija u mgħottija. F’Kerċem insibu wkoll fdalijiet f’Għar Għerduf ta’ dak li darba kien ċimiterju Nisrani tat-tielet seklu WK. Dwar dan iċ-ċimiterju li De Soldanis sejjaħ katakombi, l-istess storiku jgħid li: “għandu l-istess forma tal-katakombi sbieħ li nsibu fir-Rabat tal-Imdina.”, u jkompli jgħid “ma jaqbilx biss mal-premessa li, filwaqt li dawk tal-Imdina huma taħt l-art, tagħna fil-wiċċ…”

Il-Katakombi ta’ Għar Għerduf u l-kappelli antiki f’Kerċem (San Girgor, Santa Luċija, Sant’Anton Abbati, San Ġorġ, San Ġużepp, ta’ Santa Katarina u oħrajn) li kważi kollha llum inqerdu totalment, jindikaw li mill-qedem, l-insara ta’ din il-gżira fittxew dawn l-inħawi għal skopijiet reliġjużi.

Forsi ma jkunx żbaljat li ngħidu li dan ir-raħal beda jissawwar madwar waħda minn dawn il-kappelli mibnija minn missirijietna fuq in-naħa ta’ fuq tar-raħal ad unur Santa Katarina ta’ Lixandra fi żmien medjevali. Minn ċensiment li sar fis-sena 1657, jidher li nies li joqogħdu fil-viċinanzi bdew jersqu eqreb bil-mod il-mod lejn il-partijiet ta’ Santa Luċija, u forsi aktar tard lejn dawk il-partijiet ta’ Kerċem ħdejn il-kappella ta’ San Girgor il-Kbir, mibnija madwar is-sena 1581, liema kappella kienet qed tikber fl-importanza permezz tal-purċissjoni tradizzjonali tat-12 ta’ Marzu, liema purċissjoni baqgħet tiġi organizzata sas-sena 1967.

Hawnhekk, madwar il-kappella ta’ San Girgor, beda jiżviluppa r-raħal ta’ Kerċem kif nafuh illum. Raħal żgħir, b’popolazzjoni żgħira li bdiet tiżdied bil-mod, sakemm inħass il-bżonn li tinbena knisja ġdida u akbar. Din il-knisja bdiet tinbena fl-1846, mill-benefatturi Franġisk u martu Rosa Camilleri. Fit-23 ta’ Novembru 1851, din il-knisja kienet lesta, imbierka u miftuħa għall-pubbliku. Aktar tard, fl-10 ta’ Marzu 1885, din l-istess knisja telgħet għall-istat ta’ parroċċa fi żmien l-Isqof Pietru Pace, permezz tal-Bolla “Nostro Pastoralis”, tal-Papa Leone XIII.

Xi żmien wara li twaqqfet bħala parroċċa fl-10 ta’ Marzu 1885, kmieni fl-1893, infetħet l-ewwel skola fir-raħal mis-Sorijiet Franġiskani tal-Qalb ta’ Ġesù, iżda, għal xi raġuni jew oħra, kellha tagħlaq wara xi ftit żmien.  Fl-1921, infetħet l-ewwel skola statali f’dar fi Triq San Girgor. Ftit taż-żmien wara, fil-11 ta’ Novembru 1923, din l-iskola ġiet trasferita fi Triq Sarġ fejn inbniet skola kbira u moderna li għal ħafna snin laqgħet ħafna studenti minn diversi rħula minn Għawdex, u li għadha tintuża sal-lum.

Mill-1957 twaqqfet skola privata f’Kerċem – l-Iskola Santa Tereża – li hija mmexxija mis-Sorijiet Karmelitani ta’ Santa Tereżina. F’Kerċem fetħu wkoll l-ewwel kunvent tagħhom fil-Gżejjer Maltin. L-iskola tinsab fi Triq l-Avukat Anton Calleja. Skola oħra f’Kerċem hija l-“B.E.L.S.”. Din l-iskola tgħallem il-lingwa Ingliża u fetħet il-bibien tagħha fl-1997 fi Triq ta’ Doti u hija amministrata privatament. Għaliha jattendu mijiet ta’ studenti barranin kull sena għat-tagħlim u l-prattika tal-lingwa Ingliża.